“Jeħtieġ li l-kummerċ kollu jkun ibbażat fuq il-prinċipji tal-kummerċ ġust.”
laila tyabji, dastkar, l-Indja
Hawn Min Irid Jibla’ d-Dinja
Il-kummerċ dinji huwa bbażat fuq strutturi inġusti li jakkomodaw lil min hu diġà komdu u jkomplu jkissru lil min hu mkisser. Mhux qed nitkellmu fuq min ma jridx jagħmel ħabba xogħol - qed nitkellmu fuq ħaddiema li jaħdmu sigħat twal ta’ xogħol, mit-Tnejn sal-Ħadd, mingħajr drittijiet ta’ xejn, u xorta jibqgħu jgħixu fil-ġuħ u l-faqar.
Dawn il-ħaddiema fil-pajjiżi l-fqar jipproduċu affarijiet bħal ħwejjeġ, prodotti ta’ l-ikel u ġugarelli li aħna nħallsu l-belli liri għalihom. Imma l-ħaddiema jitħallsu bil-loqom għax il-qligħ il-kbir jagħmluh il-kumpanniji transnazzjonali li jħaddmuhom.
Il-Purgatorju f’Din id-Dinja
Ftit eżempji:
• Fl-1999, kummissjoni indipendenti sabet li n-nisa li jaħdmu f’fabbrika tal-ħwejjeġ f’El Salvador jaqilgħu paga miżera u jaħdmu f’kundizzjonijiet tal-biża’ – u allaħares jiftħu ħalqhom. (http://www.nlcnet.org)
• Ħaddiema ma’ kumpannija transnazzjonali partikulari jaqilgħu bejn 2ċ u 27ċ fis-siegħa, waqt li l-kap eżekuttiv idawwar mat-Lm300 miljun f’sena. (http://www.nlcnet.org)
• Ditta magħrufa tal-ħwejjeġ ta’ l-isports tħallas lill-ħaddiema nisa ftit iktar minn Lm2 ta’ 8 sigħat xogħol, jiġifieri 9ċ għal flokk li jinbiegħ Lm33. Biex ikollhom x’jieklu għalihom u għall-familji tagħhom, iridu dħul ta’ mill-inqas 18ċ għal kull flokk ta’ Lm33 li jagħmlu. (Charles Kernaghan, f’Take it Personally ta’ Anita Roddick, Thorsons, 2001)
Permezz ta’ l-Għaqda Dinjija tal-Kummerċ (id-WTO) li suppost tirregola l-kummerċ, il-pajjiżi s-sinjuri qed jagħmluha dejjem aktar diffiċli biex il-pajjiżi l-fqar ibigħu l-prodotti tagħhom fil-pajjiżi l-għonja bi prezz raġonevoli.
Jekk Ma Tridx Tħalli d-Dinja Kif Sibtha
Aħna nemmnu li l-kummerċ dinji għandu jkun ġust. Dan jista’ jseħħ jekk meta nixtru nagħżlu prodott ġust.
Int, bħala konsumatur jew konsumatriċi, għandek id-dinja f’idejk. Jekk tagħżel prodott inġust tkun qed issaħħaħ l-inġustizzja; jekk tagħżel prodott ġust tkun qed tinvesti f’ġejjieni aħjar għal miljuni ta’ bnedmin u għall-ħolqien.
Permezz tal-kummerċ ġust, il-ħaddiema u x-xerrejja jaħdmu flimkien biex itejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ xulxin, u l-ħaddiema fil-pajjiżi l-fqar jingħataw ħlas ġust u kundizzjonijiet xierqa tax-xogħol. Il-kummerċ ġust jiggarantixxi wkoll:
-
Biżżejjed qligħ biex il-ħaddiema u l-familji tagħhom ikollhom aċċess għas- servizzi tas-saħħa u għall-edukazzjoni
-
Flus bil-quddiem biex il-ħaddiema jkollhom biex jixtru l-materjal
-
Produzzjoni li tirrispetta l-ambjent
-
Spazju lil dawk il-komunitajiet u l-gruppi li huma l-aktar vulnerabbli
-
Opportunitajiet indaqs għan-nisa u għall-irġiel
-
Relazzjoni kummerċjali fit-tul li tagħti stabbilità u serħan tal-moħħ lill-produtturi
-
Produzzjoni ħielsa mill-isfruttament tat-tfal
-
Tmexxija demokratika u l-libertà li l-ħaddiema jissieħbu fi trade union
Barra minn hekk, il-monitoraġġ tal-kummerċ ġust mill-IFAT, il-federazzjoni internazzjonali tal-kummerċ alternattiv, jagħti kredibilità lill-moviment u jserraħ moħħ kulħadd li l-affarijiet qed isiru kif suppost.
Koperattiva Kummerċ Ġust u l-ħanut L-Arka
Il-Koperattiva Kummerċ Ġust (KKĠ) twaqqfet mill-Grupp għat-Tielet Dinja fl-1996. F'Ottubru ta' l-1998, il-Koperattiva ssellfet il-flus minn bank etiku Taljan biex tiftaħ L-Arka, l-ewwel u l-uniku ħanut tal-kummerċ ġust f'Malta. Fl-1999, il-KKĠ issieħbet fl-IFAT (International Federation for Alternative Trade) u fl-2001 saret membru taċ-CTM-Altromercato, waħda mill-akbar organizzazzjonijiet tal-kummerċ ġust fl-Ewropa.
KKĠ iġġib il-prodotti ġusti tagħha mill-pajjiżi l-fqar tad-dinja, kemm permezz ta' organizzazzjonijiet Ewropej, kif ukoll billi tixtri direttament mingħand il-produtturi.
Il-voluntiera tal-KKĠ ma jieħdu xejn mill-qligħ li tagħmel - il-Koperattiva rabtet lilha nfisha bil-liġi li tinvesti l-qligħ fi proġetti soċjali li jnaqqsu l-faqar.
Id-Dinja f’Ħanut Wieħed
Fil-prodotti ġusti tal-ħanut L-Arka hemm dinja sħiħa ta’ snajja’ u kulturi:
xogħol ta’ l-artiġjanat fl-injam, fil-metall u fl-irħam • xogħol bil-ġuta (ħabel naturali), bħal braned (hammocks) u qfief ¨ strumenti mid-dinja kollha ¨ kartolini ¨ CDs tal-World Music Network ¨ tapiti ¨ ħwejjeġ ¨ biċċiet ta' l-għamara ¨ u ħafna affarijiet oħra.




