source l-orrizont
Mahira Sheikh titkellem ma' Gaetano Micallef
Fit-tentattiv li tnaqqas l-isfruttament tal-ħaddiema, il-Koperattiva Kummerċ Ġust (KKĠ) għaddejja b’kampanja biex tqajjem kuxjenza dwar il-kummerċ ġust. MAHIRA SHEIKH tgħid lil GAETANO MICALLEF għaliex huma qegħdin iħeġġu lill-pubbliku biex jixtri prodotti bit-tikketta “Fair Trade”.
Kemm ilha mwaqqfa l-Koperattiva Kummerċ Ġust? U fiex tikkonsisti l-ħidma tagħkom?
Bdiet fl-1996 minn grupp ta’ nies li kienu qegħdin imorru barra minn Malta, bħal Sqallija u t-Tuneżija, fuq xogħol ta’ volontarjat. U dawn riedu li mhux biss jagħ mlu xi ħaġa konkreta barra minn Malta imma anke xi ħaġa f’pajjiżhom stess. Raw li fis-suq m’hemmx ġustizzja fin-negozju u ħassew li jekk ikun hawn kummerċ ġust setgħu jgħinu lil min kien qiegħed jiġi sfruttat. U waqqfu l-Koperattiva Kummerċ Ġust.
X’jiġifieri meta tgħid tgħid “kummerċ ġust”?
Il-kummerċ globali mhuwiex ġust. Għandek diversi ftehim fejn dawk li jistgħu jirnexxu huma fil-fatt il-kumpaniji l-kbar.
Jiġifieri l-kumpaniji multi-nazzjonali. Mentri l-produttur iż-żgħir qatt ma jkollu ċ-ċans li l-affarijiet tiegħu jesportahom b’mod ġust. Bil-‘fair trade’ differenti. L-ewwel prinċipju tagħha huwa li l-ħaddiema u l-produtturi jiġu mħarsa b’mod ġust. Jiġifieri jekk ħa jaħdmu tmien sigħat qegħdin jiġu mħallsin għal dawk it-tmien sigħat.
Aħna nġibu prodotti li jkunu manifatturati b’kummerċ ġust. Dawk li nġibu aħna nixtruhom mill-Italja imma madwar l-Ewropa hemm diversi għaqdiet li jġibu dawn il-prodotti minn barra l-Ewropa. Inbigħuhom mill-ħanut “L-Arka” li għandna fi Triq San Pawl, il-Belt, u minnu nbigħu l-affarijiet tal-kummerċ ġust fosthom kafè, te, zokkor, ‘juices’, ċikkulata, biskuttini, għaġin, ġugarelli, affarijiet għat-tiżjin tad-dar, strumenti tal-mużika, CDs u anke ħwejjeġ.
U kemm jiġu nies l-ħanut biex jixtru dawn il-prodotti?
Xi kultant jiġu. Mhux ħafna imma. Madankollu minn żmien għal żmien niftehmu ma’ xi knejjes biex wara l-quddies narmaw ‘stand’ fuq iz-zuntier biex in-nies ikunu jistgħu jiġu jixtru. U ġeneralment jiġu ħafna. Jiġifieri għall-inqas jekk ma tantx jiġu fil-ħanut jiġu fuq iz-zuntier u anke f’attivitajiet oħrajn li nkunu mistednin fihom.
B’dan il-mod qegħdin nirnexxu. Dejjem ikun hemm interess min-nies li jiġu u jistaqsu dwar l-affarijiet. U minn hemmhekk isiru jafu bil-ħanut tal-Belt. Għax jekk in-nies ma jafux bih kif jistgħu jiġu jixtru minnu?
Dik hija l-ewwel prijorità tagħna… li nxerrdu l-kelma dwarna u dwar il-kummerċ ġust. Ħalli l-konsumatur ikollu żewġ alternattivi… jew jagħżel li jibqa’ jixtri kif qiegħed jagħmel jew li jixtri l-kummerċ ġust li fih m’hemmx involut l-isfruttament tal-ħaddiema.
Imma dawk li jixtru l-prodotti li tbieħu taħseb li jagħmlu hekk għax verament jemmnu fil-kwalità tagħhom jew b’sens ta’ karità?
Meta mmorru fuq iz-zuntier u ngħidu li l-prodotti li qegħdin inbigħu huma kummerċ ġust, ħafna nies ma jifhmux x’inkunu rridu ngħidu. Ħafna minn dawk li jixtruhom qishom ikunu qegħdin jagħmlu karità. Allura jixtru mhux għax eżattament jafu x’inhu kummerċ ġust imma għax iħossu li qegħdin jgħinu.
Veru li forsi l-importanti li nbigħu imma nixtieq li n-nies tifhem iktar x’inhuwa l-kummerċ ġust. Għax meta tixtri prodotti li mhux tal-kummerċ ġust ma tkunx qiegħed tgħin lin-nies… anzi tkun qiegħed tgħakkishom.
Darba kont rajt tpinġija ta’ supermarket b’diversi prodotti fuq naħa li kienet immarkata ‘unfair trade’ u ftit prodotti fuq naħa oħra żgħira mmarkata ‘fair trade’. Għaliex għandha tkun hekk? Għaliex mhux il-kontra? Nixtieqha tkun il-kontra u jekk jista’ jkun il-prodotti kollha jkunu manifatturati u mibjugħin b’kummerċ ġust.
Qiegħda ssemmi s-‘supermarkets’. Issib prodotti tal-“Fair Trade” fis-‘supermarkets’ u l-ħwienet lokali?
F’Malta hawn xi ftit ‘supermarkets’ li jġibu l-kafè tal-kummerċ ġust. Li huwa tajjeb għax aħna nixtiequ li ħafna mill-kumpaniji jibdew jimportaw prodotti bil-kummerċ ġust. Li ma nixtiqux huwa li f’isem prodott wieħed ikun hemm min jagħti l-impressjoni li qisu jġib ħafna prodotti b’kummerċ ġust. Għax fil-verità jkollok il-maġġoranza l-kbira tal-prodotti li mhumiex jinbiegħu bi prezz ġust u prodott wieħed jew tnejn li jinbiegħu b’kummerċ ġust.
Imma għaliex taħseb li fis-‘supermarkets’ u l-ħwienet lokali ma tantx issib prodotti tal-kummerċ ġust?
Fl-Ewropa hija iktar imħaddna din il-mentalità. Is-‘supermarkets’ iktar qegħdin jaċċettawha u allura qiegħed ikun hemm iktar għażla ta’ prodotti b’kummerċ ġust. F’Malta naħseb li għadha mhix imħaddna għax m’hemmx għarfien biżżejjed dwarha. Barra minn hekk għandek ukoll il-prezz tal-prodott u l-fatt li ħafna negozjanti jġibu ammont kbir mill-istess prodott u għalhekk il-prezz tiegħu jorħos.
Imma biex tingħata t-timbru “Fair Trade” trid issegwi għaxar prinċipji fosthom li ma jkunx hemm tfal jaħ dmu, li l-ambjent qed jiġi mħares u li l-ħaddiem ikun qiegħed jitħallas tajjeb. B’dawn l-affarijiet kollha ma tantx tista’ traħħas il-prezz. Il-prezz jorħos ħafna meta dawn l-‘istandards’ ma jkunux qegħdin jiġu mħarsin kollha. U meta ma jitħarsux kollha ma jibqalekx kummerċ ġust imma biss kummerċ.
Titkellmu mas-‘supermarkets’ u n-negozjanti biex forsi jibdew iġibu prodotti b’kummerċ ġust?
Ġieli tkellimna. Niftakar darba tkellimt mal-Park Towers ta’ Tas-Sliema u kien qiegħed jieħu prodotti minn għandna u jqegħedhom hemm. Imma kellna nieħdu l-prodotti aħna u minħabba nuqqas ta’ riżorsi sibniha diffiċli biex inkomplu.
Nitkellmu wkoll ma’ kumpaniji fosthom dawk fil-qasam tal-elettronika. Għax fil-preżent m’hemmx kummerċ ġust f’dan is-settur. Hemm rapporti li juru kif ħafna ħaddiema mhumiex imħallsin sew u qegħdin jiġu sfruttati. Fl-istess waqt hemm rapporti li juru li hemm kumpaniji iktar etiċi mill-oħrajn. Meta titkellem ma’ negozjanti jew kumpaniji hemm min jifhmek u jieħu inkonsiderazzjoni dak li tgħidlu.
U x’inhu r-rispons tal-kumpaniji lokali?
Ħafna mill-affarijiet li jimpurtaw mhuwiex kummerċ ġust. Ftit minnhom ikunu interessati u jagħtu kas ta’ dak li tgħidilhom. Hemm min jgħidilna iva, imma xorta ma jiħdux dak il-pass li jibda jġib prodotti b’kummerċ ġust.
Bdejna kampanja fil-Belt biex il-ħwienet tal-kafè jibdew tal-inqas jixtru kafè tal-kummerċ ġust. X’ġara minnha? Kważi xejn. Meta nkellmuhom kważi kollha kienu interessati biex jibdew iġibu dan il-kafe imma mbagħad it-tieni passi ma jeħduhx. Forsi għax jaħsbu li hija xi ħaġa vera kbira biex jagħmluha.
Imma mbagħad għandek il-konsumatur li jekk jiġi jaqa’ u jqum minn dak li qiegħed jieħu u ma jistaqsix għall-kafè tal-kummerċ ġust, allura l-ħwienet mhu se jagħmlu xejn. Mentri barra kien hemm pajjiżi fejn issib kafetteriji b’kafè tal-kummerċ ġust għax talbuh il-konsumaturi.
Imma lokalment ma jbigħuhx fil-kafetteriji lokali għax jiġihom għoli?
Il-prezz tal-kafè jvarja skont is-suq internazzjonali. Allura daqqa jkun irħis u daqqa jkun ħarira ogħla mis-soltu. Tal-kummerċ ġust il-prezz huwa stabbli. Allura veru li tal-kummerċ ġust se jkun ftit iktar għoli, forsi xi €0.75 jew €1 iktar, imma meta tixtri bi kwantità naħseb li fl-aħħar mill-aħħar jiġi l-istess prezz.
Però naħseb li hija skuża biex ma tħaddanx il-kummerċ ġust. Jekk tħares lejn ħaġa waħda, f’dan il-każ il-prezz, forsi jkun hemm min jaħsibha mod imma trid tħares lejn l-istampa kollha inkluż in-nies li qegħdin jaħdmuh. Barra li ħafna mill-prodotti tal-kummerċ ġust huma ta’ kwalità iktar għolja għax il-produtturi huma żgħar u għandek iktar prodotti ġenwini. Fil-kummerċ ġust ma jeżistux fabbriki kbar… jeżisti biss il-ħaddiem u l-ftit makkinarju li jkollu.
Minbarra ‘supermarkets’ u ħwienet jidhrili li tħeġġu anke lill-Gvern jixtri b’kummerċ ġust?
Darba morna għand il-ministeru responsabbli mill-edukazzjoni għax sirna nafu li kien se joħroġ tender għall-uniformijiet. Tkellimna magħhom dwar il-kummerċ ġust bit-tama li fl-għoti tal-kuntratt ikunu jafu minn fejn ġej ix-xogħol ħalli ma jkunx jinvolvi sfruttament tal-ħaddiema. Kienu interessati ħafna għax qatt ma kienu ħasbu fiha qabel. U lanqas biss kienu jafu minn fejn ġejjin l-uniformijiet. Bgħatnilhom ir-rakkomandazzjonijiet tagħna imma s’issa ma kellniex rispons dwar x’se jiġri. Imma dawn l-affarijiet bil-mod.
U fir-rigward ta’ setturi oħrajn tal-Gvern?
Fl-2006 ħarġet liġi mill-UE biex affarijiet fl-istituzzjonijiet tagħha jagħtu importanza lil prodotti tal-kummerċ ġust. Ħaġa bħal din hija tajba ħafna għax meta jkollok istituzzjoni daqshekk kbira li qiegħda tħaddan il-kummerċ ġust huwa ta’ eżempju għal ħaddieħor. Nixtieq li l-Gvern Malti jieħu l-istess inizjattiva tal-UE u jara, per eżempju, li prodotti li jintużaw fid-dipartimenti tiegħu jkunu tal-kummerċ ġust. Għaliex le?
Imma l-Gvern jew l-individwu kif se jkun jaf li prodott huwa tal-kummerċ ġust?
Prodotti tal-kummerċ ġust ikollhom tabella li tindika dan. Hemm żewġ għaqdiet li jagħtu dawn it-tabelli… il-Fair Trade Labelling Organisation li għandha x’taqsam mal-ikel u l-Welfare Trade Organisation li tieħu ħsieb oġġetti bħal ‘handicrafts’ u mużika.
Hemm rapporti li joħorġu kważi kull xahar bil-listi tal-kumpaniji li jirrispettaw il-kummerċ ġust. Allura l-individu jista’ jħares lejn il-lista u jixtri dak li huwa l-iktar etiku. Jien meta xtrajt il-laptop tiegħi rajt din il-lista u sibt wieħed ta’ waħda mid-ditti inklużi fiha li tirrispetta lill-ħaddiema involuti fil-manifatturar tal-prodott.
La prodott mhux inkluż fil-kummerċ ġust jiġifieri hemm iċ-‘cheap labour’ warajh?
Hekk hu, jekk il-kumpanija mhijiex fil-kummerċ ġust aktarx li għandek ‘cheap labour’, sfruttament tal-ħaddiema u sfruttament tal-ambjent fost oħrajn. Għax m’hemmx raġuni valida għaliex m’għandekx tkun fil-kummerċ ġust. Kieku tirrispetta l-kriterji li semmejtlek qabel tkun fil-kummerċ ġust.
F’Ġunju li ġej se jiltaqgħu l-kbarat kollha tal-Mediterran għall-konferenza tal-Unjin tal-Mediterran. Aktarx isir ftehim dwar kummerċ ħieles fiż-żona. Jekk ikun hawn ‘free trade’ fil-Mediterran se jkunu l-kumpaniji l-kbar li jirnexxu à skapitu tal-produtturi ż-żgħar. U għalhekk aħna qegħdin nippromwovu l-kummerċ ġust. Għax jekk ma jkunx hemm kummerċ ġust l-impatt fuq iż-żgħir se jkun kbir ħafna.
X’futur tara għall-kummerċ ġust? Kemm taħseb li għandu futur f’dinja globalizzata?
Veru li mhuwiex komuni daqs il-kummerċ l-ieħor imma hemm studju li juri kif il-kummerċ ġust qiegħed jikber b’ħamsa fil-mija kull sena. Allura naħseb li għalkemm m’hemmx reklamar u profitti kbar daqs kemm isiru mill-kumpaniji l-kbar, bil-mod il-mod in-nies qegħdin iħaddnuh.
Anke f’Malta naħseb li hawn iktar kuxjenza u nispera li n-nies jixtru prodotti tal-kummerċ ġust ħalli nippruvaw neqirdu l-faqar. Li tixtri prodott tal-kummerċ ġust ma narahiex bħala att ta’ karità imma iktar bħala prinċipju li nistgħu nħaddnu f’ħajjitna. Personalment jekk nixtri xi ħaġa u naf li hemm persuna sfruttata fil-proċess ma nħossnix komda miegħi nnifsi. Nispera li ħaddieħor iħossu l-istess.




