Kummerċ Ġust: Ħtieġa Globali u Prijorità Ekonomika

Part of WORLFEST: Il-Jum Dinji tal-Kummerċ Ġust 2002

Festi fl-irħula tal-Bangladexx, logħob tal-futbol fil-Ġappun, u korijiet fl-Olanda: fil-ħames kontinenti differenti, fl-4 ta' Mejju, ħaddiema u nies oħra involuti fil-Kummerċ Ġust se jiċċelebraw l-ewwel Jum Dinji tal-Kummerċ Ġust.

Med2000 Local Action Group (Grupp għat-Tielet Dinja) u l-Koperattiva Kummerċ Ġust flimkien mal-Fondazzjoni St Michael, Inizjamed u Ritmi (Grupp għat-Tielet Dinja), qed tieħu sehem fl-ewwel Jum Dinji tal-Kummerċ Ġust, 2002, li se jkun iċċelebrat fl-4 ta' Mejju, bl-isem ta' WORLFEST. (Fir-ritratt: Iskay)

WORLDFEST qed tiċċelebra l-Kummerċ Ġust biex tifraħ lill-bdiewa u n-nies tas-sengħa tar-riżultati li qed jiksbu u tal-prodotti ta' kwalita' li qed jwasslu fis-suq, biex jgħarraf lill-konsumaturi kif jistgħu jagħmlu differenza b'dak li jonfqu, u biex kumpaniji oħra jsiru jafu kif jistgħu jagħtu sehemhom fl-iżvilupp sostenibbli permezz tal-Kummerċ Ġust.

Is-Sibt, 4 ta' Mejju, int u familtek mistiedna tiġu fil-grounds tal-Fondazzjoni St Michael, Pembroke, biex tqattgħu ġurnata f'ambjent nadif u rilassanti li se jkun mimli b'attivitajiet f'ġieħ WORLDFEST, jum iċ-ċelebrazzjoni tal-Kummerċ Ġust. Attivitajiet sportivi, Car Wash organizzat mis-St Michael Foundation Scouts, mużika etnika live, u Re-Use Centre fejn kotba u oġġetti oħra li ma tridux aktar jistgħu jiġu użati mill-ġdid huma ftit milll-attivitajiet li se jseħħu matul dan il-jum.

Madankollu se ssibu anke taħditiet pubbliċi dwar l-Edukazzjoni Globali u l-Kummerċ Ġust għall-għalliema tal-iskejjel primarji u sekondarji, u seminars pubbliċi minn Clementina Carbone, il-Kap tal-Liceo Vincenzo de' Paoli f'Reggio Calabria. L-iskola għażlet li ma tibqax tbigħ prodotti ta' l-ikel tal-kumapniji kbar. Minflok waqqfet koperattiva immexxija mill-istudenti stess. Din il-koperattiva tbigħ biss prodotti ġusti.

 

Se jkun hemm taħdita pubblika oħra minn Stefano Magnoni, li huwa l-koordinatur u membru fundatur ta' Chico Mendes - l-akbar ħanut ta' kummerċ ġust fl-Italja. Magnoni ipparteċipa f'numru ta' proġetti ta' kummerċ ġust fin-nofsinhar tad-dinja u għandu ukoll esperjenza vasta fl-organizzazzjoni ta' korsijiet fuq is-suġġett. Jikteb ukoll fir-rivista Taljana dwar l-ekonomija soċjali Altreconomia.

Taħdita oħra se ssir minn Anna Bucca (it-tielet mix-xellug), li hi l-President ta’ l-ARCI Catania, dwar sehem il-Kummerċ Ġust f'ekonomija globalizzata. Kemm Magnoni kif ukoll Bucca pparteċipaw fil-Forum Soċjali Globali li sar f'Porto Alegre, il-Brażil, aktar kmieni dis-sena.

Matul il-ġurnata L-ARKA, l-uniku ħanut Malti ta' kummerċ ġust u inizjattiva bla qliegħ li jinsab 306, Triq San Pawl, Valleta, se jsalpa 'l barra mill-Belt u jankra mal-bosta tined tal-Kummerċ Ġust li se jkunu mtellgħin fil-grounds tas-St Michael's. Dawn it-tined se jkunu mimlija ikel, ornamenti u ħwejjeġ oħra maħduma f'pajjiżi varji fl-Afrika, l-Asja, l-Amerika tan-Nofs u t'Isfel u mibjugħa skond il-kriterji tal-Kummerċ Ġust. WORLDFEST jiġi fi tmiemu b' performance live mid-Drum Circle workshop. Wara l-kunċerti riċenti ta' RITMI, b' Mousse' Ndiaye and Renzo Spiteri, dan ta' l-aħħar se jkun qed jmexxi l-istudenti tal-livell avvanzat tad-Drum Circle f'ċelebrazzjoni mużikali tal-Jum Dinji tal-Kummerċ Ġust.

Carol Wills, Direttriċi Eżekuttiva tal-IFAT (Federazzjoni Internazzjonali tal-Kummerċ Alternattiv) tgħid dan: "Il-moviment tal-Kummerċ Ġust ma jistax jaċċetta l-livell ta' faqar dinji li jeżisti llum. Nemmnu li nistgħu nbiddlu d-dinja. Bix-xiri ta' prodotti tal-kummerċ ġust il-konsumatur jista' jgħin biex dil-bidla sseħħ, u jtejjeb l-għajxien tal-ħaddiema li sfaw marġinalizzati minħabba l-globalizzazzjoni. Il-Jum Dinji tal-Kummerċ Ġust fl-4 ta' Mejju huwa opportunità liema bħalha biex nies mid-dinja kollha juru fehmthom dwar il-bżonn ta' dinja aktar ġusta."

Vince Caruana, mill-Grupp għat-Tielet Dinja u Kordinatur Ġenerali ta' WORLDFEST, qal dan "Ir-regoli dinjija tal-kummerċ m'humiex favur il-foqra u l-ambjent. Il-Jum Dinji tal-Kummerċ Ġust juri li hemm triq oħra li tagħmel il-ġid lill-foqra u lid-dinja kollha. WORLFEST se tagħti opportunità lill-konsumatur Malti jagħmel att ta' ġustizzja filwaqt li jieħu gost u jmur lura d-dar b'biċċa xogħol unika jew bott kafè ta’ kwalità."

Għal aktar informazzjoni ibagħtu email lil med2000@maltaforum.org jew l-arka@maltaforum.org jew ċemplu L-Arka: 2124 4865.

Karsten Xuereb
April 2002