
Nhar l-Erbgħa 30 ta' Diċembru, 20:00 | Maħżen XII, l-Imdina, Malta
Tnedija ta' PASSAPORT
ktejjeb ġdid ta' Antoine Cassar
b'disinji ta' Asya Reznikov u Noel Tanti
Passaport poetiku, validu għall-popli kollha, u għal kull pajsaġġ. Kulħadd mistieden, twieled fejn twieled. Is-siwi tiegħek mhuwiex proporzjonali għall-popolazzjoni ta' pajjiżek. Dħul b'xejn, m'għandekx bżonn viżi jew timbri, il-bieb maqlugħ miċ-ċaċċiż.
Lejla ta' poeżija, rakkonti, teatru u mużika, bis-sehem ta' :
Wara l-preżentazzjoni tal-Passaport, jintwera d-dramm qasir Seven Jewish Children, miktub minn Caryl Churchill bi tweġiba għall-attakk militari Iżraeljan fuq ix-xatt ta' Gaża, li bħalissa qed jitfakkar l-ewwel anniversarju tiegħu. Direzzjoni ta' Philip Leone-Ganado.
Il-passaport jinbiegħ b'donazzjoni minima ta' €1, bid-dħul kollu jingħata lill-Migrants Solidarity Movement (http://www.migrantsmalta.org). Wara t-tnedija, il-passaport jista' jinkiseb mingħand il-ħanut L-Arka, 306 Triq San Pawl, il-Belt.
B'solidarjetà mal-għadd bla tarf ta' individwi li, bil-passaport tagħhom jew mingħajru, ma jgawdux id-dritt fondamentali li jsiefru jew jidħlu lura f'pajjiżhom (Artiklu 13 tal-Istqarrija Universali tal-Jeddijiet tal-Bniedem) jew id-dritt fondamentali li jitolbu ażil mill-persekuzzjoni (Artiklu 14), kull min jattendi għat-tnedija huwa mitlub li jġib miegħu l-passaport, biex 'iċedih' simbolikament: il-passaporti ċeduti jiddendlu ma' spaga fuq il-palk, u jintraddu lura fi tmiem l-attività. ***
"[...]
Tiegħek
dan il-passaport
għall-popli kollha,
b'bandiera qawsalla, u b'arma ta' wiżża migratorja ddur mal-globu,
bil-lingwi kollha li trid, uffiċjali u mhux,
bil-qoxra kaħla oċean, jew ħamra demm niexef, jew sewda faħam lest għall-ħruq, agħżel int,
ħudu fejn tixtieq, il-passaġġ sikur u mberraħ, il-bieb maqlugħ miċ-ċaċċiż,
tista' tidħol u toħroġ bla biża', bla ħadd ma jwaqqfek,
bla ħadd ma jaqbżek fil-kju jew jitfgħek wara nett, m'hemmx x'tistenna,
bla ħadd ma jgħidlek Ihre Papiere bitte, iqabbdek it-takikardja bil-bjudija ta' sebgħu,
bla ħadd ma jperreċ jew iwerreċ għajnejh skont il-prodott domestiku gross per capita tan-nazzjon li tħalli warajk,
[...] "




