Home What is Fair Trade? About KKG L-Arka Contact Us Picture Gallery l-Arka Roster

Intervista ma' Nina Zita fuq il-gazzetta Illum

Enerġija Svediża

Nina Zita, attivista favur il-kummerċ ġust, titkellem ma’ Julia Farrugia

sit: www.illum.com.mt

B’għajnejn kbar żoroq, xagħar twil safrani u ġilda lewn il-qamħ tistħajjel li din it-tfajla waqgħet minn xi rivista tal-mudelli. Minbarra s-sbuħija naturali Nina Zita hi mogħnija b’dak il-gazz u r-rieda soda li ftit nisa għandhom.

Meta kellha 23 sena Nina kienet diġà bdiet taħdem favur id-drittijiet tal-ħaddiema li jaħdmu f’fabbriki tal-ħwejjeġ.

“Fl-2004 organizzajt skambju għaż-żgħażagħ bejn il-Kambodja u l-Isvezja. Investigajna x’qed jiġri fil-fabbriki tal-ħwejjeġ ewlenin fil-Kambodja. Sibna li l-ħaddiema kienu qed jitħallsu bir-raċanċ u dan minkejja li kienu qed jagħmlu xogħol tajjeb ħafna għal ditti kbar bħall-Adidas u n-Nike.”
L-attivista riedet tagħmel id-differenza f’ħajjet dawn in-nies.

“Ħadt lura magħna sitt ħaddiema mill-Kambodja lejn art twelidi biex nurihom kemm dak il-par qalziet li kienu ħolqu kien qed jinbiegħ bi prezz għoli fl-Isvezja,” tispjega t-tfajla.

“Il-prezz tal-bejgħ kien ekwivalenti għal xahar paga fil-Kambodja!”

It-tfajla tirrakkonta kif mill-esperjenza tagħha sabet li fil-Kambodja l-ħaddiema jieħdu biss 1% tal-prezz tal-bejgħ bil-kumplament tal-flus imorru għall-profitti tal-kumpaniji u għar-reklamar.

“Rajt ħafna affarijiet koroh f’dan il-pajjiż. Ċerti xeni jibqgħu friski f’moħħok. Ftit qabel wasalna aħna kien għadu kemm inqatel mexxej ta’ trade union minnhom.

“F’pajjiżi bħal Kambodja jekk titkellem għad-drittijiet tiegħek tista’ titlef l-impjieg imma tista’ wkoll tħallas prezz aktar qares: b’ħajtek!”

Nina Zita ilha Malta għal dawn l-aħħar 10 xhur. Għamlet xogħol volontarju mal-Koperattiva għall-Kummerċ Ġust u wieħed mill-proġetti ewlenin tagħha, minbarra r-riċerka, kien l-aspett edukattiv u ta’ għarfien.

“Meta kont il-Kambodja ffilmjajt l-esperjenza tiegħi f’dan il-pajjiż. Iddeċidejt li noħloq dokumentarju msejjes fuq dak li sibna. Dan id-dokumentarju qed nuruh lil studenti Maltin biex jaraw b’għajnejhom il-kobor ta’ dan l-isfruttament,” tgħid Nina.

F’Malta l-attivista Svediża żaret għexieren ta’ skejjel, minn dawk tal-Gvern sa oħrajn tal-Knisja u privati.

“Nistqarr li l-għarfien f’Malta kien baxx ħafna dwar dan is-suġġett. Imma t-tfal jieħdu interess kbir saħansistra jistaqsuk x’inhuma dawk l-affarijiet li jistgħu jagħmlu biex itaffu din il-problema.

“Hu ta’ sodisfazzjon kbir għalija li kien hemm feedback tajjeb. Riċentament tawni aħbar sabiħa li sitt żgħażagħ Maltin minn kulleġġ tal-Ġiżwiti ngħaqdu flimkien biex jibdew jiġġieldu favur il-kummerċ ġust. Tlieta minn dawn l-istudenti raw id-dokumentarju tagħna. Baqgħu impressjonati dwar is-suġġett għax għalkemm il-Ġiżwiti kienu diġà qarrbuhom lejn din it-tip ta’ realtà qatt ma kienu raw filmati daqshekk dettaljati.”

Imma x’inhi s-soluzzjoni biex fid-dinja, inkluż f’Malta, ikun hawn biss kummerċ ġust?

Tispjega li s-sigriet hu li meta l-konsumatur imur jixtri jistaqsi jekk il-prodott għandux garanzija li apparti li l-prodott ikun wieħed ġenwin, ix-xogħol ikun inħadem fuq prattiċi tax-xogħol tajbin, li l-ħaddiema ma ġewx sfruttati imma tħallsu xieraq.

Imma Nina għandha miżrugħa fiha elementi ta’ stoffa. Il-konsumatur għaliha mhux biss aħna ċ-ċittadini normali. Għal Nina l-Gvern hu l-akbar konsumatur, u bir-raġun!

“Il-Gvern jixtri ħafna affarijiet b’offerti, fosthom ħwejjeġ u uniformijiet għall-ħaddiema. Il-Gvern peress li hu wkoll konsumatur għandu d-dmir li jistaqsi minn fejn qed jinxtraw dawn il-prodotti. Għandu d-dmir li f’idejh ikollu garanzija li dawk il-ħwejjeġ ma jkunux inħadmu minn tfal jew minn ħaddiema mhux imħallsa kif suppost,” tkompli targumenta t-tfajla.

Nina investigat fil-fond dan is-suġġett. Tkellmet ma’ xejn anqas minn 13-il kuntrattur Malti li fix-xhur imgħoddija ħadu offerti mingħand il-Gvern biex jipprovdulu ħwejjeġ u materjal għall-ħaddiema taċ-Ċivil.

“Sibt li l-kważi l-kumpaniji kollha jixtru l-prodotti tagħhom miċ-Ċina u mil-Lvant Imbiegħed. Dawn huma kollha pajjiżi bi problemi kbar soċjali u inġustizzji fil-ħlas tal-pagi,” tispjega Nina.

“Agħar minn hekk l-istudju tiegħi juri li dawn il-kumpaniji m’għandhom l-ebda policies bil-miktub dwar is-suġġett ta’ sfruttament. B’hekk m’hemm l-ebda garanzija li l-Gvern mhux qed juża l-flus miġbura mit-taxxi tal-poplu biex jixtri prodotti li ġejjin minn swieq ta’ sfruttament.”

It-tfajla tkompli tispjega: “Il-Gvern Malti għandu l-obbligu li minbarra li jara li jġib prodotti ta’ kwalità u bi prezzijiet tajbin jara wkoll li l-prodotti ma jkunux inħadmu minn tfal u li ħafna drabi jew ma jkunux tħallsu jew ikunu tħallsu bi ftit flus.”

Fid-9 ta’ Diċembru 2006 Nina, f’isem il-Koperattiva tal-Kummerċ Ġust, kitbet lill-Prim Ministru Malti Lawrence Gonzi dwar ir-rapport tagħha. Fost l-oħrajn talbitu biex jirranġa l-politika tiegħu b’tali mod li l-kuntratti tal-Gvern jibdew joħorġu b’mod tajjeb u li ma jibqgħux jagħtu lok għal abbuż. Sa llum minn Kastilja għadha ma ħarġet l-ebda risposta, lanqas sempliċi ittra fejn jingħad li l-appell ta’ l-attivista Svediża rċevewh!
“Jien kurjuża biex nara t-tweġiba tal-Prim Ministru Malti. Il-politiċi u n-nies f’Kastilja għandhom dover li jwieġbu!” tinsisti l-attivista.

Nistaqsi lit-tfajla kif tħares lejn il-fatt li matul is-sena d-dieħla fiċ-Ċina se jittellgħu l-Olimpjadi.

“Fl-istadiums taċ-Ċina se naraw ħafna kartelluni u reklami ta’ ditti kbar fosthom tan-Nike u ta’ l-Adidas. Diġà hemm rapporti li qed jintużaw tfal biex jinħadmu ħwejjeġ ta’ dawn id-ditti. Hemm rapporti wkoll ta’ adulti li jitħaddmu 18-il siegħa nfila bil-Ħdud u l-festi b’kollox biex imbagħad jitħallsu bil-loqom.” L-argument bħal donnu miss ferita kbira.

“Fil-futbol jitkellmu dwar il-fair play. Imma l-fair play għandu jkun preżenti wkoll fil-proċess li jwassal għall-manifatturar tal-ħwejjeġ tal-futbolers,” targumenta t-tfajla.
“Tiddardar tara l-prezzijiet għolja ta’ dawn il-ħwejjeġ. Tara plejers famużi bħal Beckam jippoża bil-ħwejjeġ ta’ dawn id-ditti li jagħmlu profitti kbar meta mbagħad dawn huma l-istess kumpaniji li qed jagħmlu qligħ enormi minn fuq dahar il-ħaddiem iż-żgħir.”
Nistaqsiha dwar il-futur. Tgħidli li hekk kif il-ġimgħa d-dieħla terġa’ lura f’pajjiżha, tixtieq tkompli l-istudji tagħha li biex għamlet dan ix-xogħol volontarju ħallietu għal xi żmien fuq l-ixkaffa.

“Proprjament kont nistudja l-Amministrazzjoni Pubblika. Nemmen li dan il-kors se jgħinni biex nikkontribwixxi għal bidla aħjar fis-soċjetà.”

Imbagħad l-attivista bħal donnha tissomma. Wara ftit jixirfu snien żgħar u tbissima kemmxejn mistħija.

“Nixtieq inkun qatra fl-oċean li tagħmel differenza kbira. Dik hi l-akbar ħolma tiegħi.
Inkun kuntenta ħafna jekk illum l-Ħadd fis-6pm il-Maltin jattendu għall-forum ta’ diskussjoni li se ntellgħu fil-Barrakka ta’ Fuq dwar it-tfal u l-kummerċ ġust. Bl-għarfien biss tista’ tintrebaħ din il-ġlieda.”