(Malta: Edizzjoni Skarta, 2007)
Niżżel dan il-ktejbe b'xejn jew ixtri kopja tal-ktieb mill-ħanut tal-kummerċ ġust L-Arka, 306, Triq San Pawl, il-Belt Valletta. (Għandek bżonn Acrobat Reader 8.1)
Edizzjoni Skarta għadha kemm ippubblikat ktejjeb ta' 32 faċċata bil-poeżiji ta' ħames poeti li jitkellmu dwar it-tfulija jew dwar temi ta' ġustizzja. Il-ktieb jismu "Tibża’ Xejn Jekk Tibda x-Xita" u fih "13-il poeżija, għanja, u riklam." Il-ħames poeti huma Mario Cardona, Simone Inguanez, Adrian Grima, Immanuel Mifsud, u Walid Nabhan.
Din il-pubblikazzjoni, editjata minn Adrian Grima u b'qoxra ddisinjata minn Immanuel Mifsud, tħejjiet għall-kunċert "Made in Fair Trade" li sar waqt il-festival tal-kummerċ ġust bl-isem ta' WorldFest organizzat mill-Koperattiva Kummerċ Ġust nhar il-Ħadd, 24 ta' Ottubru, 2007. It-tema ta' din is-sitt edizzjoni tal-WorldFest kienet "It-Tfal u l-Kummerċ Ġust."
Il-ktieb fih daħla ta' Adrian Grima dwar "Rijayatu Razak, il-Ħaddiema Tfal u l-Kummerċ Ġust." "Il-kaġun ewlieni ta’ l-isfruttament tat-tfal fix-xogħol huwa l-faqar. Peress li ħafna drabi l-paga li jaqilgħu l-ġenituri mhix biżżejjed biex tipprovdi dar, ikel u ħwejjeġ għall-familja, it-tfal ikollhom joħorġu jaħdmu. L-akbar sfruttament tal-ħaddiema tfal jinsab fil-produzzjoni ta’ l-ikel, l-aktar fil-qasam tal-kafè, il-kawkaw, il-banana, il-larinġ u z-zokkor."